Preambolu

Fil-preambolu għall-parti tal-Ġurnal Uffiċjali tinsab deskrizzjoni qasira tiegħu, tas-servizzi tal-awtur u tal-għodda u x-xogħlijiet ta’ referenza użati għat-testi li jiġu ppubblikati fih.

L-isfond storiku

1952

Wara d‑dħul fis-seħħ tat‑Trattat KEFA, inħoloq ġurnal uffiċjali għall-pubblikazzjoni ta’ avviżi, id‑deċiżjonijiet u atti oħrajn.

Il-Ġurnal Uffiċjali ħareġ għall-ewwel darba fit-30 ta’ Diċembru.

Mill-1952 sad-19 ta’ April 1958, il‑ġurnal kien jismu Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l‑Azzar, bl‑Olandiż, il‑Franċiż, il‑Ġermaniż u t‑Taljan bħala lingwi uffiċjali.

1958

Wara d‑dħul fis-seħħ ta’ żewġ trattati oħra, it‑Trattat KEE (Komunità Ekonomika Ewropea) u t‑Trattat Euratom, it‑titolu tal-Ġurnal Uffiċjali ġie adattat u sar Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Il-Ġurnal Uffiċjali l‑ġdid ħareġ għall-ewwel darba fl‑20 ta’ April.

1968

Is-serje L (Leġiżlazzjoni) u s-serje C (Informazzjoni u Avviżi) bdew jiġu ppubblikati f’Jannar.

L-ewwel ħarġa tas-serje L ġiet ippubblikata fit-3 ta’ Jannar.

L-ewwel ħarġa tas-serje C ġiet ippubblikata fit-12 ta’ Jannar.

1978

L-ewwel ħarġa tas-serje S (Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej) ġiet ippubblikata fis-7 ta’ Jannar.

Is-sejħa għall-offerti u l‑avviżi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, pereżempju, kienu ppubblikati qabel fis-serje L (sa Diċembru 1974) u fis-serje C (sa Diċembru 1977) rispettivament.

1981

Id-database tas-CELEX (Communitatis Europaeae Lex) — sistema ta’ dokumentazzjoni interistituzzjonali multilingwi awtomatizzata għal‑liġi Komunitarja — saret aċċessibbli għall-pubbliku.

Mifruxa fil-Kummissjoni kollha, is‑CELEX hija aċċessibbli fuq l‑Internet u fuq tejp manjetiku.

1986

Is-serje S saret aċċessibbli f’forma elettronika (database tat‑Tenders Electronic Daily (TED)).

1987

Is-serje L u s-serje C saru aċċessibbli fil-forma ta’ microfiche.

1991

F’Jannar, inħolqot is-serje C … A.

1992

F’Ottubru, il‑ġestjoni tas-CELEX ġiet ittrasferita mill-Kummissjoni għall-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.

1997

Is-serje S saret disponibbli fuq CD-ROM.

1998

Is-serje L u s-serje C saru disponibbli fuq is‑sit tal-EUR-Lex fuq l‑Internet.

Mill-1 ta’ Lulju, is‑serje S ma baqgħetx tiġi ppubblikata f’verżjoni stampata iżda f’verżjoni elettronika biss fuq CD-ROM u fuq l‑Internet (id-database tat‑TED).

1999

Mill-31 ta’ Awwissu s‑serje C … E bdiet tiġi ppubblikata f’forma elettronika (E = elettronika).

2001

Is-serje L u s-serje C saru disponibbli fuq CD-ROM.

2002

L-aċċess għall-EUR-Lex sar b’xejn mill-1 ta’ Jannar.

2003

Mill-1 ta’ Frar, il‑Ġurnal Uffiċjali reġa’ bidel ismu għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Nizza).

2004

Mill-1 ta’ Mejju, il‑Ġurnal Uffiċjali beda jiġi ppubblikat f’20 lingwa minħabba t‑tkabbir. Skont ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 930/2004 saret deroga għall-edizzjoni Maltija tal-ĠU — għal tliet snin (mill-1.5.2004 sat-30.4.2007) l‑istituzzjonijiet kienu obbligati jippubblikaw bil-Malti biss ir‑regolamenti adottati b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l‑Kunsill.

L-istrixxa bil-kulur fuq l‑ispina tal-ĠU tneħħiet fl‑1 ta’ Mejju u l‑verżjonijiet lingwistiċi huma identifikati bil-kodiċi ISO fuq quddiem u wara tal-ġurnal.

Mill-1 ta’ Mejju, id‑databases tas-CELEX u l‑EUR-Lex bdew ikunu disponibbli fi 22 lingwa.

L-aħħar verżjoni stampata tad-Direttorju tal-Leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ ġiet ippubblikata f’Lulju. Għaldaqstant, minn Awwissu ’l quddiem id‑Direttorju jinsab fl‑EUR-Lex.

Mill-1 ta’ Novembru, l‑entrati fid-database tas-CELEX ġew integrati fid-database tal-EUR-Lex u fil‑31 ta’ Diċembru s‑CELEX ma baqax jiġi aġġornat.

2007

Mill-1 ta’ Jannar, il‑Ġurnal Uffiċjali beda jiġi ppubblikat fi 23 lingwa minħabba l‑adeżjoni tar-Rumanija u l‑Bulgarija, u minħabba d‑deċiżjoni li tiġi ppubblikata l‑leġiżlazzjoni sekondarja bl‑Irlandiż. Madankollu, fil-verżjoni Irlandiża bdiet issir deroga simili għal dik li saret għall-Malti: għal ħames snin (mill-1.1.2007 sal-31.12.2011), l‑istituzzjonijiet huma biss obbligati jippubblikaw bl‑Irlandiż ir‑regolamenti adottati b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l‑Kunsill flimkien (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005).

Fl-1 ta’ Jannar ġiet implimentata struttura ġdida għall-klassifikazzjoni tal-atti ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

2009

Mill-1 ta’ Diċembru, il‑jum li fih daħal fis-seħħ it‑Trattat ta’ Liżbona, żdiedet intestatura L V temporanja mal‑ĠU, intitolata “Atti adottati mill-1 ta’ Diċembru 2009, skont it‑Trattat dwar l‑Unjoni Ewropea, it‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t‑Trattat Euratom”. Din l‑intestatura tneħħiet aktar tard fil-31 ta’ Diċembru.

2010

Fl-1 ta’ Jannar, ġiet introdotta struttura ġdida rigward il‑klassifikazzjoni tal-atti fil-ĠU li tirrifletti l‑bidliet li saru permezz tat‑Trattat ta’ Liżbona.

2012

Id-deroga għall-Irlandiż li kienet stabbilita fl‑2007 ġiet estiża għal ħames snin oħra bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1257/2010 (mill-1.1.2012 sal-31.12.2016).

2013

Mill-1 ta’ Lulju, minħabba l‑adeżjoni tal-Kroazja, il‑Ġurnal Uffiċjali beda jiġi ppubblikat f’24 lingwa.

2014

Fl-1 ta’ April, tieqaf il‑produzzjoni tas-serje C … E.

2016

Fl-1 ta’ Jannar, jinħolqu s‑serje L … I u C … I.

F’Marzu, jiġi introdott l-Identifikatur Ewropew tal-Leġiżlazzjoni (l‑ELI — European Legislation Identifier) fil-portal tal-EUR-Lex.

2017

Id-deroga għall-Irlandiż terġa’ tiġi estiża bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/2264, iżda l‑kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandu jitnaqqas gradwalment, bil-għan li titneħħa għalkollox sal-31 ta’ Diċembru 2021.

2022

Id-deroga għall-Irlandiż ma tibqax tapplika mill-1 ta’ Jannar.

2023

Mill-1 ta’ Ottubru, ġiet introdotta l‑pubblikazzjoni att b’att tal-Ġurnal Uffiċjali.

Is-serje L … I, C … A u C … I twaqqfu.

Servizzi awturi għall-istituzzjonijiet, il‑korpi, l‑uffiċċji u l‑aġenziji

L-elenku sħiħ tal-istituzzjonijiet, il‑korpi, l‑uffiċċji u l‑aġenziji jinsabu fit‑Taqsima 9.5.

Il-Parlament Ewropew (Brussell, il‑Lussemburgu u Strasburgu)

Diversi dipartimenti jibagħtu t‑testi tagħhom lill-Ġurnal Uffiċjali.

Kunsill Ewropew (Brussell)

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jibgħat it‑testi.

Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Brussell)

Is-Segretarjat Ġenerali jibgħat it‑testi.

Il-Kummissjoni Ewropea (Brussell u l‑Lussemburgu)

Is-Segretarjat Ġenerali huwa responsabbli biex jibgħat it‑testi tal-Kummissjoni li għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali: dawn huma l‑atti legali vinkolanti (is-serje L), il‑proposti tal-Kummissjoni, l‑informazzjoni u l‑avviżi (is-serje C), u s-sejħiet għall-kuntratti u l‑avviżi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (is-serje S).

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Il-Lussemburgu)

Ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa responsabbli biex jipprovdi t‑testi.

Bank Ċentrali Ewropew (Frankfurt am Main)

Id-Direttorat Ġenerali Segretarjat u Servizzi Lingwistiċi jew id‑Direttorat Ġenerali għas-Servizzi Legali jipprovdi t‑testi.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (Il-Lussemburgu)

L-Unità “Komunikazzjoni u Rapporti” hija responsabbli biex tibgħat it‑testi.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l‑Politika ta’ Sigurtà (Brussell)

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jibgħat it‑testi.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (Brussell)

Ir-Reġistru jibgħat it‑testi.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (Brussell)

Ir-Reġistru jibgħat it‑testi ta’ diversi unitajiet.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (Il-Lussemburgu)

Ħafna awturi jipprovdu t‑testi differenti.

L-Ombudsman Ewropew (Strasburgu) u l‑Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (Brussell)

Ħafna awturi differenti jipprovdu t‑testi.

Uffiċċji u aġenziji

Għal-lista tal-uffiċċji u l‑aġenziji, ara t‑Taqsimiet 9.5.3 sa 9.5.6.

tip:

Għal-lista multilingwi tal-istituzzjonijiet, il‑korpi, is‑servizzi interistituzzjonali, l‑uffiċċji u l‑aġenziji, ara l-Anness A9.

LegisWrite u EdiT

Il‑LegisWrite hija għodda informatika li tgħin fit‑tfassil, ir‑reviżjoni u l‑iskambju ta’ dokumenti uffiċjali bejn l‑istituzzjonijiet, irrispettivament jekk humiex ta’ natura leġiżlattiva jew le. Din l‑għodda tistandardizza l‑istruttura u l‑preżentazzjoni tat‑testi.

Aktar informazzjoni dwar il‑LegisWrite (aċċessibbli għall-persunal tal-istituzzjonijiet u l‑korpi tal-UE):

https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/wikis/pages/viewpage.action?pageId=216418878 (en)

L‑għodda ta’ abbozzar leġiżlattiv EdiT, ibbażata fuq XML, ġiet introdotta fl 2021. Gradwalment se tissostitwixxi lil LegisWrite.

Aktar informazzjoni dwar l‑EdiT (aċċessibbli għall-persunal tal-istituzzjonijiet u l‑korpi tal-UE):

https://eceuropaeu.sharepoint.com/teams/GRP-PRO-SG-EU-PMH-IT-training-support/SitePages/Edit.aspx (en)

Xogħlijiet ta’ referenza

Ix-xogħlijiet ta’ referenza ewlenin għat-testi li jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali huma dawn li ġejjin:

  1. għal problemi ta’ natura lingwistika:
    • L-Akkademja tal-Malti, Tagħrif fuq il‑Kitba Maltija, Malta, Gutenberg Press, 2004,
    • Aquilina Joseph, English-Maltese Dictionary Vol. 1-4, Malta, Midsea Books Ltd, 1999,
    • Aquilina Joseph, Maltese-English Dictionary Vol. 1 & 2, Malta, Midsea Books Ltd, 1999,
    • Serracino Inglott Mario, Id-Dizzjunarju Malti u Teżawru ta’ Malti Mħaddem, Malta, Gutenberg Press, 2003.
  2. għal dak li għandu x’jaqsam mal‑abbozzar tal-leġiżlazzjoni:
  3. għall-akronimi u t‑taqsiriet:
    • IATE (database għall-ġbir, id‑distribuzzjoni u l‑ġestjoni kondiviża tat‑terminoloġija bejn l‑istituzzjonijiet, l‑aġenziji u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea).
  4. għall-verifika tat‑titoli, tal-kontenut, u tal-aħħar emendi tal-atti, eċċ.:
    • EUR-Lex (jipprovdi aċċess dirett u b’xejn għal‑liġi tal-UE u l‑ĠU, kif ukoll it‑trattati, il‑leġiżlazzjoni, il‑ġurisprudenza u l‑proposti leġiżlattivi.

Barra minn hekk, ċerti edizzjonijiet tal-Ġurnal Uffiċjali jservu bħala referenza fissa f’oqsma bħall-agrikoltura, is‑sajd, ftehimiet kummerċjali, in‑Nomenklatura Magħquda, ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, eċċ.

*

Link interna/dokument ta’ ħidma għall-persunal tal-istituzzjonijiet Ewropej. Verżjoni bil-Malti ma teżistix.