9.1.5. L-indirizzi fl‑Istati Membri: karatteristiċi speċifiċi
Il-kodiċijiet postali tal-Istati Membri jvarjaw — il‑preżenza ta’ kodiċijiet tal-pajjiż, spazji jew singijiet — u l‑lingwa li għandha tintuża għall-indirizzi f’’pubblikazzjoni tiddependi minn diversi fatturi.
Il-kodiċi postali, l‑Eircode u l‑kodiċi tal-pajjiżi
It-tabella li ġejja tiddeskrivi preċiżament l‑istruttura tal-kodiċi fl‑Istati Membri kollha.
| Pajjiż | Kodiċi postali/ Eircode(1) | Kodiċi tal-pajjiż | Kummenti |
|---|---|---|---|
| Il-Belġju | 4 ċifri | ||
| Il-Bulgarija | 4 ċifri | ||
| Iċ-Ċekja | 5 ċifri | Hemm spazju bejn it‑tielet u r‑raba’ ċifra. Hemm żewġ spazji bejn il‑kodiċi postali u l‑isem tal-belt. | |
| Id-Danimarka | 4 ċifri | ||
| Il-Ġermanja | 5 ċifri | Qatt tuża kodiċi ta’ pajjiż (D- jew DE-) qabel il‑kodiċi postali. Jekk tagħmel hekk tista’ twassal għal dewmien tal-posta li tintgħażel bil-magna. | |
| L-Estonja | 5 ċifri | ||
| L-Irlanda | 7 karattri alfanumeriċi (Eircode) | Żid, jekk possibbli, il‑kodiċi tas-settur f’Dublin. L‑Eircode għandu jitqiegħed f’linja separata, ’il fuq mill-isem tal-pajjiż. | |
| Il-Greċja | 5 ċifri | Hemm spazju bejn it‑tielet u r‑raba’ ċifra. | |
| Spanja | 5 ċifri | Daħħal l‑isem tal-provinċja f’linja separata wara l‑isem tal-belt — ara l-lista fuq is‑sit web tal-UPU (EN). | |
| Franza | 5 ċifri | ||
| Il-Kroazja | 5 ċifri | HR | Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “HR-”. |
| L-Italja | 5 ċifri | Daħħal l‑abbrevjazzjoni tal-provinċja wara l‑isem tal-belt — ara l-lista fuq is‑sit web tal-UPU (EN). | |
| Ċipru | 4 ċifri | CY | Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “CY-”. |
| Il-Latvja | 4 ċifri (lejn il‑lemin) | LV | Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “LV-”. Din tinsab lejn il‑lemin tal-isem tal-belt, minn liema kelma hija mifruda b’virgola. |
| Il-Litwanja | 5 ċifri | LT | Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “LT-”. |
| Il-Lussemburgu | 4 ċifri | L | Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “L-”. |
| L-Ungerija | 4 ċifri | L-isem tat‑triq għandu jitpoġġa taħt l‑isem tal-belt. Il-kodiċi postali għandu jitpoġġa f’linja separata, fuq l‑isem tal-pajjiż. | |
| Malta | 3 ittri + 4 ċifri | Il-kodiċi postali għandu jitpoġġa taħt l‑isem tal-belt, bi spazju bejn l‑ittri u ċ-ċifri. | |
| in-Netherlands | 4 ċifri + 2 ittri | Hemm spazju bejn iċ-ċifri u l‑ittri. Hemm żewġ spazji bejn il‑kodiċi postali u l‑isem tal-belt. | |
| L-Awstrija | 4 ċifri | ||
| Il-Polonja | 5 ċifri | Hemm sing bejn it‑tieni u t‑tielet ċifra. | |
| Il-Portugall | 7 ċifri | Hemm sing bejn ir‑raba’ u l‑ħames ċifra. | |
| Ir-Rumanija | 6 ċifri | ||
| Is-Slovenja | 4 ċifri | ||
| Is-Slovakkja | 5 ċifri | ||
| Il-Finlandja | 5 ċifri | FI | Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “FI-” (jew minn “AX-” għall-Gżejjer Åland). |
| L-Iżvezja | 5 ċifri | SE | Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “SE-”. Hemm spazju bejn it‑tielet u r‑raba’ ċifra. |
Sakemm mhux indikat mod ieħor, il‑kodiċi postali jidher fuq ix-xellug tal-isem tal-belt. Jintuża biex jiddefinixxi grupp ta’ indirizzi. Min-naħa l‑oħra, l‑Eircode, imniedi l‑Irlanda f’Lulju 2015, huwa kodiċi uniku assenjat lil kull indirizz residenzjali u kummerċjali.
Għal raġunijiet prattiċi (sinottiżmu fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha) l‑lista qiegħda f’ordni ta’ protokoll.
Osservazzjonijiet oħra
Xi Stati Membri (il‑Belġju, l‑Irlanda, Malta u l‑Finlandja) għandhom żewġ jew aktar lingwi uffiċjali li jintużaw bħala lingwi proċedurali fl‑istituzzjonijiet Ewropej. (Għalkemm Ċipru għandu l‑Grieg u t‑Tork bħala lingwi uffiċjali, jintuża biss il‑Grieg bħala lingwa proċedurali fl‑istituzzjonijiet Ewropej.) Ta’ min jinnota li għall-Belġju, permezz ta’ ftehim mal‑awtoritajiet Belġjani, il‑format tal-indirizz multilingwi ma jinkludix il‑verżjoni Ġermaniża. Għal kull wieħed minn dawn l‑Istati Membri qed jintużaw żewġ lingwi uffiċjali meta jinkitbu l‑indirizzi: Il-Franċiż u l‑Olandiż għall-Belġju; l‑Irlandiż u l‑Ingliż għall-Irlanda; il‑Malti u l‑Ingliż għal Malta u l‑Finlandiż u l‑Iżvediż għall-Finlandja.
F’xi pajjiżi għandhom jitqiesu ċerti alfabeti distinti (il‑Bulgarija, il‑Greċja/Ċipru).
Il-kitba tal-indirizzi għal destinazzjoni f’wieħed mill-pajjiżi ta’ dawn iż-żewġ gruppi tiddependi fuq il‑lingwa(i) tal-pubblikazzjoni u fuq jekk ix-xogħol huwiex monolingwi jew multilingwi.
Indirizzi għal destinazzjoni fil-Belġju, fl‑Irlanda, f’Malta jew fil-Finlandja
Xogħlijiet monolingwi
- Xogħlijiet f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż ta’ destinazzjoni: fil-prinċipju, l‑indirizzi huma biss f’dik il‑lingwa.
- Xogħlijiet f’lingwa oħra tal-UE: l‑indirizzi huma fiż-żewġ lingwi uffiċjali tal-pajjiż ta’ destinazzjoni (bħal ma jiġri fil-każ ta’ xogħlijiet multilingwi).
Xogħlijiet multilingwi
L-indirizzi huma mogħtija fiż-żewġ lingwi uffiċjali tal-pajjiż ta’ destinazzjoni.
Indirizzi għal destinazzjoni fil-Bulgarija, fil-Greċja jew f’Ċipru
Xogħlijiet monolingwi
- Xogħlijiet bil-Bulgaru jew bil-Grieg: l‑indirizzi huma fil-lingwa tal-pubblikazzjoni iżda l‑ismijiet tal-belt u tal-pajjiż jiżdiedu bl‑Ingliż.
- Xogħlijiet fil-lingwi l‑oħra tal-UE: l‑indirizzi huma f’karattri Rumani (bi traslitterazzjoni jekk neċessarja, pereżempju, tal-isem tat‑triq).
Xogħlijiet multilingwi
L-indirizzi jingħataw bil-Bulgaru/bil-Grieg u l‑ismijiet tal-belt u tal-pajjiż jiżdiedu bl‑Ingliż. L‑indirizz sħiħ jingħata wkoll f’karattri Rumani (traskrizzjoni bl‑Ingliż).