7.2.4. Ir-regoli li jirregolaw il‑lingwi fl‑istituzzjonijiet

Il-Kunsill jiddetermina r‑regoli li jirregolaw il‑lingwi tal-istituzzjonijiet; bħalissa hemm 24 lingwa uffiċjali u ta’ ħidma.

L-Artikolu 290 tat‑Trattat tal-KE (issa l‑Artikolu 342 tat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) u l‑Artikolu 190 tat‑Trattat tal-Euratom jagħtu r‑responsabbiltà lill-Kunsill li, b’vot unanimu, jiddetermina r‑regoli li jirregolaw il‑lingwi tal-istituzzjonijiet tal-Komunità, “mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet previsti fl‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l‑Unjoni Ewropea”.

Abbażi ta’ dan, il‑Kunsill adotta fil-15 ta’April 1958, ir‑Regolament Nru 1 li jiddetermina l‑lingwi li għandhom jintużaw fil-Komunità Ekonomika Ewropea, regolament li kien emendat b’atti varji ta’ adeżjoni.

Bħalissa, hemm 24 lingwa uffiċjali u ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara t‑Taqsima 7.2.1).

L-Irlandiż

Sal-31 ta’ Diċembru 2006, l‑Irlandiż ma kienx magħdud bħala waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Skont ftehim li sar fl‑1971 bejn l‑Irlanda u l‑Komunità, l‑Irlandiż kien ikkunsidrat bħala lingwa uffiċjali tal-Komunità, ħaġa li madankollu kienet tfisser li l‑leġiżlazzjoni primarja biss kellha titfassal b’din il‑lingwa.

Mill-1 ta’ Jannar 2007, l‑Irlandiż huwa lingwa uffiċjali sħiħa tal-UE, b’deroga temporanja għal perjodu rinnovabbli ta’ ħames snin (ara r‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 tat‑13 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3)). Dan ir‑Regolament jgħid li “l-istituzzjonijiet ta’ l‑Unjoni Ewropea ma għandhomx ikunu marbuta bl‑obbligu li jfasslu l‑atti kollha bl‑Irlandiż u li jippubblikawhom f’dik il‑lingwa f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”, ħlief għar-regolamenti adottati b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l‑Kunsill. Din id‑deroga ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2016 bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1257/2010 (ĠU L 343, 29.12.2010, p. 5). Din ġiet estiża mill-ġdid bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/2264 (ĠU L 322, 8.12.2015, p. 1). Id‑deroga għall-Irlandiż ma baqgħetx tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

info:
L-Irlandiż jew il‑Gaeliku?

Kuntrarju għal ċerta użanza, dawn it‑termini mhumiex sinonimi.

Il-Gaeliku = il‑grupp lingwistiku Ċeltiku tal-Irlanda u l‑Iskozja
L-Irlandiż = il‑grupp lingwistiku Ċeltiku tal-Irlanda

L-ewwel lingwa uffiċjali tal-Irlanda hija l‑Irlandiż, it‑tieni hija l‑Ingliż.

Il-Malti

Fl-2007 l‑Kunsill waqqaf id‑deroga (ara r‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 930/2004 tal-1 ta’ Mejju 2004 (ĠU L 169, 1.5.2004, p.1)) ta’ tliet snin fl‑obbligu li l‑atti kollha jitfasslu u jkunu ppubblikati bil-Malti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant l‑atti kollha tal-istituzzjonijiet tal-UE qegħdin ikunu ppubblikati bil-Malti wkoll.