6.5. Il-punteġġatura fiċ-ċifri

Jintuża l‑punt biex jissepara n‑numri sħaħ mid-deċimali, ħlief fil-Ġurnal Uffiċjali, u jintuża spazju biex jissepara l‑eluf fin-numri sħaħ.

Fir-rigward tad-deċimali, fil-pubblikazzjonijiet ġenerali Maltin, Ingliżi u Irlandiżi, jintuża punt biex jissepara n-numri sħaħ mid-deċimali. Fil-lingwi kollha l-oħra tintuża l-virgola u anke f’testi multilingwi. Fil-Ġurnal Uffiċjali għandna nallinjaw mal-lingwi l-oħrajn u nużaw il-virgola biex tissepara numri sħaħ mid-deċimali. Dan isir għal raġunijiet tekniċi, biex titħaffef il-produzzjoni. Innota li d-deċimali jinkitbu f’unità waħda; mingħajr spazju.

3.5 %, 66.91 jew 152 231.324567 fil-publikazzjonijiet ġenerali,

imma 3,5 %, 66,91 jew 152 231,324567 fil-Ġurnal Uffiċjali.

Fir-rigward tal-eluf, dawn jinkitbu dejjem bi spazju fiss fil-kuntesti kollha, kemm fil-Ġurnal Uffiċjali, kif ukoll fil-pubblikazzjonijiet ġenerali.

1 000 mhux 1,000; 348 986 mhux 348,986; 1 000 000 mhux 1,000,000.

Data tal-baġit: miljun jew biljun

Fil-Malti uża biljun biex tfisser 1 000 miljun (ara t‑Taqsima 10.4).

Meta qed taħdem bid-data baġitarja, hija rrakkomandata l‑forma li ġejja.

  • Sa tliet postijiet deċimali, żomm sal-unità xierqa:

    1.326 biljun (mhux 1 326 miljun)

  • Aktar minn tliet postijiet deċimali, uża unità iżgħar:

    1 326.1 miljun (mhux 1.3261 biljun)

B’hekk iċ-ċifri jistgħu jkunu eħfef biex jinqraw u jitqabblu.