5.9.2. Ir-referenzi għat-Trattati
Fir-referenzi għall-artikoli tat‑trattati, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-istadji storiċi differenti, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam man-numerazzjoni mill-ġdid tat‑Trattat dwar l‑Unjoni Ewropea.
Fir-referenzi għall-artikoli tat‑trattati, għandha ssir attenzjoni partikolari għall-istadji storiċi differenti, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam man-numerazzjoni mill-ġdid tat‑Trattat tal-UE. Wara kull emenda tat‑trattati, l‑atti preċedenti għall-emenda bħal din iridu jippreservaw in‑numerazzjoni u t‑titolu tal-oriġini.
It-Trattat ta’ Pariġi (1952)
(firma: 18.4.1951, dħul fis-seħħ: 23.7.1952)
Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l‑Azzar (KEFA) twaqqfet permezz tat‑Trattat ta’ Pariġi, li skada fit-23 ta’ Lulju 2002.
It-Trattati ta’ Ruma (1958)
(firma: 25.3.1957, dħul fis-seħħ:1.1.1958)
Il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l‑Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom jew KEEA) inħolqu permezz tat‑Trattati ta’ Ruma.
It-Trattat ta’ Brussell (1967)
(firma: 8.4.1965, dħul fis-seħħ: 1.7.1967)
It-Trattat ta’ Brussell, magħruf ukoll bħala t‑“Trattat li Jgħaqqad”, kellu l‑għan li jimmodernizza l‑istituzzjonijiet Ewropej billi jistabbilixxi Kummissjoni unika u Kunsill uniku minflok it‑tliet Komunitajiet li kien hemm dak iż-żmien (il‑KEFA, il‑KEE u l‑Euratom). Dan tħassar permezz tat‑Trattat ta’ Amsterdam.
It-Trattat ta’ Maastricht (1993)
(firma: 7.2.1992, dħul fis-seħħ: 1.11.1993)
Malli daħal fis-seħħ it‑Trattat ta’ Maastricht, jew “it-Trattat tal-Unjoni Ewropea” (it‑Trattat tal‑UE, jew it‑TUE), l‑isem “Komunità Ekonomika Ewropea” ġie sostitwit b’dak ta’ “il-Komunità Ewropea”. It‑Trattat tal-KEE nbidel u sar it‑Trattat tal‑KE.
It-Trattat tal-UE kien jikkonsisti minn Artikoli indikati permezz ta’ ittri jew permezz ta’ ittri u ċifri: “l‑Artikolu A jew l‑Artikolu K.1 tat‑Trattat tal-UE”). Għandha tingħata attenzjoni biex ma jintużawx referenzi żbaljati tat‑tip “l‑Artikolu 130 A tat‑Trattat tal-Unjoni Ewropea”, li hija referenza għat-Trattat tal-KE.
Bl-istess mod, ma għandhiex tintuża l‑formula “hekk kif emendat(a) permezz tat‑Trattat tal-UE” (pereżempju, għandu jinkiteb, “l‑Artikolu 130 A tat‑Trattat tal-KE”, u mhux “l‑Artikolu 130 A tat‑Trattat tal-KE hekk kif emendat permezz tat‑Trattat tal-UE”).
It-Trattat ta’ Amsterdam (1999)
(firma: 2.10.1997, dħul fis-seħħ: 1.5.1999)
Skont l‑Artikolu 12 tat‑Trattat ta’ Amsterdam, it‑Trattat tal-UE kien soġġett għal numerazzjoni mill-ġdid tal-Artikoli (l‑Artikoli A, B, C, eċċ. ġew numerati mill-ġdid biex saru l‑Artikolu 1, 2, 3…), b’konformità ma’ tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fit-Trattat imsemmi.
It-Trattat ta’ Amsterdam:
https://publications.europa.eu/s/fp3W
It-Trattat ta’ Nizza (2003)
(firma: 26.6.2001, dħul fis-seħħ: 1.2.2003)
It-Trattat ta’ Nizza kellu l‑għan li jirriforma l‑istituzzjonijiet biex jiżgura li l‑UE tkun tista’ tkompli tiffunzjona effettivament wara t‑tkabbir għal 25 Stat Membru.
It-Trattat ta’ Liżbona (2009)
(firma: 13.12.2007, dħul fis-seħħ: 1.12.2009)
Skont l‑Artikolu 5 tat‑Trattat ta’ Liżbona, it‑Trattat tal-UE reġa’ kien soġġett għal numerazzjoni mill-ġdid, b’konformità ma’ tabella ta’ korrelazzjoni mehmuża mat-Trattat ta’ Liżbona.
Tabella ta’ korrelazzjoni, it‑Trattat ta’ Liżbona:
https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:8d1c14fc-6be7-4d4e-8416-f28cfc7b3b60.0016.01/DOC_17&format=PDF
It-Trattat li jistabbilixxi l‑Komunità Ewropea (it-Trattat tal-KE, jew TKE) ġie emendat u msejjaħ it‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat FUE, jew TFUE).
Il-kunċett ta’ “Komunità Ewropea” fis-sens tat‑Trattat tal-KE ġie sostitwit minn “Unjoni Ewropea”. B’konsegwenza ta’ dan, it‑termini “Komunitarju/Komunitarji” u “tal-Komunità” jridu jiġu sostitwiti minn “tal-Unjoni” jew il‑forom kollha xierqa:
il-politika tal-Unjoni (u mhux il‑politika Komunitarja)
il-muniti ta’ Pajjiżi Terzi (u mhux il‑muniti ta’ Pajjiżi mhux Komunitarji)
Madankollu, “Komunità” u “Komunitarja/Komunitarju” jibqgħu aċċettati f’dak li għandu x’jaqsam mal‑Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-Trattat tal-Euratom) u għandom jibqgħu jintużaw f’referenzi storiċi.