5.6. It-tqassim tat‑test
It-test ta’ pubblikazzjoni għandu jiġi ppreżentat b’tali mod li qarrej isibha faċli biex isegwi, li jista’ jsir billi jinqasam f’diviżjonijiet u suddiviżjonijiet u jintużaw sistemi ta’ numerazzjoni differenti.
It-test irid jiġi ppreżentat f’għamla ċara ħafna li tippermetti lill-qarrej li jaqraha mingħajr diffikultà. Għalhekk trid tiġi evitata preżentazzjoni kkremjata jew konfuża u l‑kontenut irid jingħata struttura tajba. Għal dan l‑għan, l‑għadd ta’ livelli ta’ titoli, ma jridx jaqbeż is‑sebgħa. Kull sottointestatura trid tiġi segwita minn test ta’ biżżejjed kobor u li jkun ekwivalenti għall-istess livell loġiku fix-xogħol kollu.
Is-sistema ta’ numerazzjoni kumplessa
It-test jista’ jiġi strutturat f’partijiet, titoli, kapitoli, taqsimiet, paragrafi, punti eċċ., bl‑użu ta’ ċifri, ittri, inċiżi u bullets. F’ordni mill-aktar importanti sal-anqas importanti, din is‑sistema ta’ numerizzazzjoni tiġi ppreżentata ġeneralment kif ġej:
- ċifri Rumani kapitali (I, II, III, IV, eċċ.),
- ittri kapitali (A, B, C, D, eċċ.),
- ċifri Għarab (1, 2, 3, 4, eċċ.),
- ittri żgħar bejn il‑parentesijiet (a), (b), (c), (d), eċċ.,
- ċifri Rumani żgħar bejn il‑parentesijiet (i), (ii), (iii), (iv), (v), eċċ.,
- inċiżi (—),
- punti forma ta’ bullets (•).
- F’sottodiviżjonijiet ta’ (a), (b) eċċ, għandhom jintużaw numri Rumai żgħar (i), (ii), (iii) eċċ. L‑użu ta’ punti forma ta’ bullets b’tipa grassa għandu jiġi evitat meta jkunu qed jiġu editjati l‑atti. Għar-regoli li jirrigwardaw il‑Ġurnal Uffiċjali, ara l‑Ewwel Parti, t‑Taqsima 2.7 u “Tabelli fil-qosor”.
- In-numri Rumani u l‑ittri kapitali għandhom ikunu separati mit-titolu b’sing twil (“em-dash rule”); numri Għarab għandhom ikunu segwiti b’punt ta’ waqfa; ittri żgħar u numri Rumani żgħar għandhom jingħalqu f’parentesijiet tondi: qatt ma għandu jitħalla barra l‑ewwel parentesi.
- F’testi legali, l‑awturi u t‑tradutturi għandhom dejjem isegwu l‑alfabett Ingliż meta jkunu qed jelenkaw bl‑ittri f’testi legali tal-Istituzzjonijiet Ewropej. Din ġejja mill-kuntest bilingwi ġuridiku Malti u hi prassi ewlenija fit-testi legali Maltin li tħaffef it‑tqabbil bejn il‑verżjoni Ingliża u dik Maltija.
Tradizzjonalment test ikun suddiviż kif ġej:
L-Ewwel Parti
L-ATTIVITÀ TAL-UNJONI
Kapitolu I
L-IŻVILUPP TAL-UNJONI
Taqsima I — Il-qagħda politika ġenerali
A — Is‑setgħat baġitarji
1. Ir-rapport ewlieni
(a) Id‑Direttivi adottati
Is-sistema bla numerazzjoni
Fejn ma jintużawx l‑intestaturi tas-soltu (parti, kapitolu, eċċ.) u lanqas iċ-ċifri tal-ordni, importanti li jiġu indikati fuq id‑dokument oriġinali t‑titoli u s-sottotitoli meta jsir l‑editjar u jiġu ddeterminati b’mod preċiż:
L-ATTIVITÀ TAL-UNJONI
L-IŻVILUPP TAL-UNJONI
Il-qagħda politika ġenerali
Is-setgħat baġitarji
Ir-rapport ewlieni
Id-Direttivi adottati
Is-sistema ta’ numerazzjoni deċimali
In-numerazzjoni tista’ tkun ukoll deċimali:
L-Ewwel Parti — L‑ATTIVITÀ TAL-UNJONI
Kapitolu I — L-IŻVILUPP TAL-UNJONI
1. Il-qagħda politika ġenerali
1.1. Is‑setgħat baġitarji
1.1.1. Ir-rapport ewlieni
1.1.1.1. Id‑Direttivi adottati
F’dan il‑każ, il‑livelli ta’ sottotitoli għandhom ikunu limitati.
Is-sistema ta’ numerazzjoni kontinwa
Fl-aħħar nett, għal xogħlijiet ta’ referenza li jkun fihom bosta referenzi minn parti għal oħra, spiss ikun prattiku li jiġu nnumerati l‑paragrafi b’mod kontinwu. Għalhekk jaqbel li jintuża dan in‑numru fir-referenza, li huwa indipendenti mill-ippaġnar finali.
In-numerazzjoni kontinwa tista’ wkoll tiġi kkumbinata ma’ waħda mis-sistemi l‑oħra ta’ numerazzjoni.