4.4.2. Numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet fis-serje (ISSN)

Ir-riżorsi kontinwi għandhom jiġu identifikati permezz ta’ numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet fis-serje (ISSN), allokat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.

Ir-riżorsi kontinwi (pubblikazzjonijiet f’serje u riżorsi integrati permanenti) (ara t‑Taqsima 4.3.2) għandhom jiġu identifikati permezz ta’ numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet fis-serje (ISSN), allokat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.

L-allokazzjoni ta’ ISSN ma għandha l‑ebda sinifikat jew valur legali fir-rigward tal-proprjetà tad-drittijiet fuq il‑ktieb ikkonċernat, u lanqas fir-rigward tal-kontenut tiegħu.

ISSN hu allokat b’mod uniku:

  • għat-tul kollu tal-ħajja ta’ titolu,
  • għal kull verżjoni lingwistika,
  • għal kull edizzjoni (kull xahar, kull sena, eċċ.),
  • għal kull mezz separat.

Fil-każ ta’ diversi volumi, ISSN hu allokat għat-titolu ewlieni, indipendentement min-numru ta’ volumi li jiffurmawh. L‑ISSN għandu jkun allokat ukoll għal ġabra ta’ monografiji bħala tali (f’dan il‑każ l‑ISBN jiġi allokat għal kull volum tal-ġabra).

L-ISSN hu marbut b’mod permanenti ma’ “titolu ewlieni”, maħluq permezz tan-network tal-ISSN waqt ir‑reġistrazzjoni tar-riżorsa. It-titolu ewlieni huwa uniku għal kull riżorsa kontinwa.

Għandu jiġi allokat ISSN ġdid (u titolu ewlieni ġdid) għal riżorsa kontinwa:

  • għal kull modifika konsiderevoli tat‑titolu,
  • għal kull modifika tal-mezz.

L-ISSN proprju (u għalhekk titolu ewlieni partikolari) għandu jiġi allokat għal kull suppliment jew għal kull sottoserje li takkumpanja eventwalment ir‑riżorsa kontinwa.

Pożizzjoni u indikazzjoni tal-ISSN

L-ISSN jikkonsisti f’żewġ gruppi ta’ erba’ numri (numri Għarab) separati permezz ta’ sing, ippreċeduti mill-abbrevjazzjoni ISSN segwita minn spazju. L‑aħħar element (element ta’ kontroll) jista’ jkun X:

ISSN 0251-1479

ISSN 1831-855X

L-ISSN għandu jidher b’mod ċar fuq jew fl‑ewwel kunsinna ta’ pubblikazzjoni f’serje, kif ukoll fuq jew f’kull kunsinna suċċessiva, kif ukoll f’kull verżjoni ta’ riżorsa integrata permanenti.

Meta l‑ISSN ikun akkumpanjat minn identifikatur ieħor (bħal ISBN fil-każ ta’ volum ta’ kollezzjoni), iż‑żewġ numri għandhom jidhru flimkien, kull wieħed identifikat bil-prefiss meħtieġ (ISBN, ISSN, doi, eċċ.).

Jekk riżorsa kontinwa jkollha diversi ISSN minħabba t‑titoli differenti (bħat-titolu ta’ kollezzjoni prinċipali u t‑titoli tas-sottokollezzjonijiet tagħha), l‑ISSN għandhom jidhru kollha fuq tali riżorsa, b’distinzjoni, pereżempju, bl‑għajnuna ta’ titolu komplut u mqassar bejn parentesi.

tip:

Ara wkoll il‑A quick reference guide.

Fil-każ ta’ pubblikazzjoni fuq mezzi differenti (bl-allokazzjoni tal-ISSN u ta’ titoli ewlenin differenti), l‑ISSN kollegati jistgħu jidhru fuq ir‑riżorsi kontinwi, filwaqt li jistabbilixxu distinzjoni bejniethom, bħal fl‑eżempju li ġej:

PrintISSN 1562-6585

HTMLISSN 1063-7710

Għax-xogħlijiet stampati, fuq kull pubblikazzjoni għandu jidher, fir-rokna ta’ fuq, fuq il‑lemin tal-qoxra jew, jekk ma jkunx hemm qoxra, b’mod ċar u li jidher sew, preferibbilment fl‑ordni li ġej: paġna tat‑titolu, nota marġinali, spazju vojt, qoxra ta’ wara, indikazzjoni fl‑aħħar tal-ktieb (colophon) jew paġni editorjali.

Għax-xogħlijiet fuq mezzi elettroniċi (xogħlijiet online, CD-ROM, eċċ.), dan għandu jidher fuq il‑paġna tal-iskrin li jindika t‑titolu jew, fin-nuqqas ta’ dan, fuq il‑menù prinċipali, u, jekk ikun possibbli, fuq kull tikketta mwaħħla b’mod permanenti mal‑pubblikazzjoni. Jekk ma jkunx possibbli li jitwaħħal l‑ISSN fuq il‑prodott jew fuq it‑tikketta tiegħu, dan għandu jidher fuq il‑kontenitur.

Għar-riżorsi online, dan għandu jidher ukoll fil-metadata (fil-qasam tal-identifikazzjoni).

L-ISSN ta’ kollegament (ISSN-L)

Skont it‑tifsira tal-istandard ISO 3297:2022 (ISSN), l‑ISSN ta’ kollegament (ISSN-L) hu allokat għal riżorsa kontinwa (ara t‑Taqsima 4.3.2) għar-raggruppament tal-mezzi fiżiċi differenti tar-riżorsa kkonċernata, indipendentement min-numru ta’ mezzi (kull wieħed minn dawn il‑mezzi għandu jkollu fuqu ISSN separat).

L-ISSN-L jippreżenta ruħu bħala sekwenza ta’ żewġ gruppi ta’ erba’ numri separati b’sing, preċeduti mill-abbrevjazzjoni ISSN-L segwita minn spazju:

ISSN-L 0251-1479

L-ISSN-L għandu jiġi mmodifikat meta t‑titoli tal-mezzi fiżiċi kollha ta’ riżorsa jkunu oġġett ta’ modifika li tirriżulta fl‑istess ħin. Għaldaqstant, hu allokat ISSN ġdid għal kull mezz separat bħalma hu allokat ISSN-L ġdid, b’mod globali.

tip:
Links utli għall-ISSN

Ċentru internazzjonali tal-ISSN:
http://www.issn.org/ (EN)

Manwal tal-ISSN:
https://www.issn.org/understanding-the-issn/assignment-rules/issn-manual (EN)

ISO 3297:2022: numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet fis-serje (ISSN):
https://www.iso.org/standard/84536.html (EN)

L-istandards ISO jistgħu jinkisbu mingħand il‑membri tal-ISO, li l‑lista tagħhom tinsab fuq is‑sit:
https://www.iso.org/members.html (EN)