4.2.3. Tħejjija tat‑test

Sabiex jiġu ottimizzati l‑prattiki tax-xogħol bil-ħsieb tal-produzzjoni, huwa essenzjali li wieħed jaderixxi ma’ regoli partikolari.

Struzzjonijiet għall-ittajpjar

Sabiex jiġu mtejba l‑proċeduri tax-xogħol għall-għanijiet ta’ produzzjoni (karta, CD/DVD, Internet, eċċ.), huwa indispensabbli li jiġu rispettati l‑istruzzjonijiet li ġejjin:

Ġenerali

  • Ittajpjar kontinwu (mingħajr tqassim tal-paġni).
  • Test mhux allinjat bil-marġni ndaqs, mingħajr qtugħ fl‑aħħar tal-linja, anke jekk ikunu kliem komposti.
  • Spazji fil-punteġġatura (ara t‑Taqsima 6.4).
  • Ipproċessar loġiku u koerenti tat‑test (uża l‑istess parametri għall-elementi identiċi ta’ dokument).

Il-karattri speċjali

  • Uża l‑karattri speċjali disponibbli.
  • Projbizzjoni ta’ kwalunkwe traslitterazzjoni (“ss” għal “ß”, “ue” għal “ü”, eċċ.).
  • Dejjem uża ċ-ċifri “1” u “0” tat‑tastiera, u mhux “l” jew “O” minflokhom.
  • L-ellissi (…) tagħmilhom billi tittajpja Alt 0133 jew Ctrl-Alt-punt (.) (tużax tliet punti wara xulxin (...)).

Iċ-ċifri

  • Numri li jesprimu kwantità: issepara l‑gruppi ta’ tliet ċifri bi spazju tal-ittajpjar (spazju fiss), u mhux b’punt (eżempju: 300 000).
  • Numri li jesprimu numerar, bħalma huma l‑annati, numerar tal-paġni, eċċ.: mingħajr spazju (eżempji: 1961, p. 2064).
  • Numri deċimali: b’punt (eżempju: 13.6), u mhux b’virgola (ara t‑Taqsima 6.5).
  • Regoli tal-kitba taċ-ċifri (ara wkoll it‑Taqsima 10.4).
NB:

Fil-Ġurnal Uffiċjali n‑numri deċimali jinkitbu b’virgola.

L-ispazji protetti

  • Jippermettu li jiġi evitat il‑qtugħ ta’ entitajiet fl‑aħħar tal-linja li għandhom jibqgħu flimkien.
  • Għandhom jintużaw fil-każijiet li ġejjin u fil‑każijiet indikati fir-regoli tal-punteġġatura (ara t‑Taqsima 6.4):

    Nru•ĠU L•10•000

    p.•ĠU C•M. C.•M. Dupont

    NB:

    F’Word, l‑ispazju fiss isir permezz tas-sekwenza Alt 0160 jew Ctrl-Shift-space bar.

Il-graffs, l‑istampi u t‑tabelli

  • Għaqqad il‑graffs u l‑istampi f’fajls apparti, f’format b’riżoluzzjoni għolja.
  • Ivverifika d‑drittijiet ta’ riproduzzjoni/id-dritt tal-awtur għall-istampi u l‑illustrazzjonijiet.
  • Immarka l‑post fejn għandha tiddaħħal l‑istampa/il-graff b’marka ċara (<STAMPA1>, <GRAFF1>, <TABELLA1>, eċċ.).
  • Ibgħat il‑fajls Excel apparti.

Il-virgoletti

  • Uża l‑virgoletti li jappartjenu għal‑lingwa.
  • Fil-lingwa Maltija, il‑kwotazzjoni nagħmluha bejn virgoletti doppji (“ ”) iżda nużaw virgoletti singli (‘ ’) meta nkunu qed nikkwotaw kwotazzjoni ġo kwotazzjoni (fil-parentesi, il‑kodiċi alfanumeriku li għandu jintuża għall-kitba tagħhom):

    livell 1“…”(Alt 0147/Alt 0148)
    (kwotazzjoni)

    livell 2‘…’(Alt 0145/Alt 0146)
    (kwotazzjoni ġo kwotazzjoni)

    Livelli ulterjuri għandhom ikunu ripetizzjonijiet tal-livelli 1 u 2.

L-apostrofu

  • Uża l‑apostrofu tipografiku tajjeb (’ jew , skont il‑grupp ta’ karattri użati), li jinkiseb bis-sekwenza Alt 0146, u mhux kif jidher fuq it‑tastiera (').

L-ittri kbar/ ittri żgħar

  • M’għandek tikteb l‑ebda titolu kollu b’ittri kbar.
  • Applika l‑ittri kbar/ittri żgħar skont ir‑regoli ta’ din il‑Gwida tal-Istil (ara t‑Taqsima 10.3).

In-noti ta’ qiegħ il‑paġna

  • Uża biss il‑funzjoni References/Insert footnote.
  • Għal manuskritt li għandu jiġi prodott fuq karta, fil-prinċipju huwa inutli, jew anke ta’ ostakolu, li terġa’ tirranġa manwalment in‑numri tan-noti. Pereżempju: Word joħloq “1” iżda dawk li jikkoreġu japplikaw “(1)”. L‑istampatur jieħu biss il‑funzjoni Footnote; għalhekk huwa xogħlu li jerġa’ jirranġa n‑numri tan-noti b’mod korrett, skont il‑konvenzjonijiet ta’ din il‑Gwida tal-Istil.
  • Numerar ċar tan-noti f’ċifri Għarab (ħalli s‑sinjali l‑oħrajn, bħall-asterisk jew l‑ittri, għal każijiet partikolari).
  • Kull nota ta’ qiegħ il‑paġna tispiċċa b’punt.
  • Ipprojbixxi n‑noti tat‑tip idem jew ibidem (għax it‑tqassim tal-paġni tax-xogħol stampat huwa differenti minn dak tal-manuskritt oriġinali).
  • Ir-referenza għal nota tal-qiegħ (inklużi l‑parentesi) tinkiteb dejjem bit-tipa Rumana (anke f’testi jew titoli miktubin bil-korsiv jew b’tipa grassa).

Is-sing

  • Uża s‑sing twil (Alt 0151) biex iddaħħal l‑elementi ta’ numerar (l‑istess regola għal‑lingwi kollha).

Titoli

  • Tużax format manwali, iżda l‑istyle sheets tal-kompjuter.
  • Fin-nuqqas ta’ style sheet partikolari, uża l‑istili Word (Heading 1, Heading 2, Normal, eċċ.).
  • Qatt ma għandek tikteb it‑titoli kollha b’ittri kbar.
NB:

Bl-użu tal-istili ta’ Word, fl‑aħħar tal-ipproċessar tat‑test, jista’ jinħoloq werrej b’mod awtomatiku; meta jinbidel f’PDF biex jitpoġġa online, dawn it‑titoli joħolqu hyperlinks b’mod awtomatiku (sinjali ta’ ktieb, jew bookmarks), elementi indispensabbli biex il‑konsultazzjoni online ta’ dokumenti PDF twal tkun waħda komda.

Rakkomandazzjonijiet oħrajn

Meta manuskritt jintbagħat f’bosta lottijiet, is‑servizz tal-awtur għandu jiżgura, waqt il‑kunsinna tal-ewwel parti, li jipprovdi werrej tax-xogħol (anke jekk provviżorju), sabiex il‑qarrejja tal-provi jkun jista’ jkollhom dehra tax-xogħol kollu.

Kull manuskritt għandu jiġi vverifikat bir-reqqa mis-servizz tal-awtur qabel ma jintbagħat lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Ir-reviżjonijiet għandhom jibqgħu l‑eċċezzjoni u jkunu perfettament ċari, leġġibbli u preċiżi. Reviżjonijiet importanti magħmula fl‑istadju tal-ewwel prova jwasslu għal dħul ta’ kliem ġdid, għandhom effett fuq it‑tqassim tal-paġni (u xi drabi jbiddluh għalkollox, għax iwasslu għal bidla wara l‑oħra) u spiss ikunu jeżiġu provi supplimentari u verifika ġdida (b’konsegwenza li jkun hemm posponimenti tad-data tal-produzzjoni u żieda fl‑ispejjeż).

Fl-aħħar nett, jaqbel li sa fejn ikun possibbli, ma jsirux reġistrazzjonijiet komposti, li jiġbru testi maħluqa b’software differenti.