4.1.1. L-awturi u l‑Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet
Is-servizzi pprovduti mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet lill-awturi jinkludu t‑tħejjija ta’ pubblikazzjonijiet f’diversi formati, id‑disinn grafiku, il‑qari tal-provi, l‑istampar fuq talba u l‑forniment tal-identifikaturi.
L-istituzzjonijiet, il‑korpi u l‑aġenziji tal-Unjoni Ewropea jistgħu jużaw l‑Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għall-bżonnijiet kollha tal-pubblikazzjoni tagħhom. L‑Uffiċċju jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-awturi, fost oħrajn, is‑servizzi li ġejjin:
- tħejjija ta’ pubblikazzjonijiet stampati u pubblikazzjonijiet multimedjali (CD-ROM, DVD, siti tal-Internet, kotba elettroniċi) u kuntratti ma’ provvedituri esterni,
- disinn grafiku,
- servizzi ta’ qari tal-provi,
- POD, printing on demand (pubblikazzjonijiet stampati fuq rikjesta),
- provvista ta’ identifikaturi (ISBN, ISSN, DOI, numri tal-katalogi — ara t‑Taqsima 4.4).
Għall-pubblikazzjonijiet imħejjija direttament mill-Uffiċċju, l‑identifikaturi jingħataw awtomatikament.
Il-proċedura fil-qosor
Id-dipartiment tal-awturi għandu l‑ewwel nett jagħmel rikjesta lid-dipartiment tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni, l‑organu jew l‑aġenzija tiegħu. Imbagħad tiġi stabbilita u mibgħuta rikjesta għall-pubblikazzjoni lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Fuq il‑bażi tal-valutazzjoni jew tal-istima li ssir, l‑Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet iħejji l‑karti tal-ordni u jibgħathom lid-dipartiment tal-awtorizzazzjoni għall-firma.
Wara li jaslu l‑manuskritt definittiv u l‑karti tal-ordni ffirmati, l‑Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet iħejji t‑tipografija u l‑qari inizjali tad-dokument. Fit-tmiem tal-produzzjoni, wara l‑verifika ta’ għadd ta’ eżemplari, tal-identifikaturi (l‑ISBN, l‑ISSN, id‑DOI, in‑numru tal-katalogu), tal-prezz eventwali tal-bejgħ u tal-modi tal-kunsinna, tintbagħat il‑formola għall-pubblikazzjoni.
Wara l‑kunsinna, l‑Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet iwettaq kontrolli kwalitattivi tal-pubblikazzjoni u jivverifika l‑konformità bejn il‑pubblikazzjoni kkunsinnata u l‑fattura.
F’dak li għandu x’jaqsam mal‑pubblikazzjonijiet perjodiċi, wieħed għandu jevita l‑bdil tat‑titolu jew tal-preżentazzjoni matul is‑sena kkonċernata, billi dawn il‑modifiki jirriżultaw f’kumplikazzjonijiet u dewmien għas-serje u l‑katalogu, kif ukoll diffikultajiet fil-bejgħ u taħwid għall-qarrej.
Trid toħloq pubblikazzjoni? Trid tagħmel poster? Trid tolqot udjenza speċifika? It-tweġibiet għall-mistoqsijiet tekniċi u amministrattivi tiegħek jinsabu kollha fuq:
https://op.europa.eu/en/web/publicare/providing-publishing-and-preservation-services (Ħolqa interna ta’ ħidma għall-persunal tal-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni Ewropea)